CZ | DA | DE | EL | EN | ES | ET | FI | FR | HU | IT | LT | LV | MT | NL | PL | PT | SK | SL | SV    
TAGĦRIF | ENERĠIJA | AĦBARIJIET | CHATS | ATTIVITÀ | KOMPETIZZJONI |
L-ewwel paġna » Aħbarijiet » Stqarrija għall-istampa: L-Enerġija hija l-Futur tagħna twassal l-effiċjenza fl-enerġija fil-klassi

"L-Enerġija hija l-Futur tagħna" twassal l-effiċjenza fl-enerġija fil-klassi


Fit-13 ta’ Novembru 2006, bi sħubija ma’ PlasticsEurope, l-assoċjazzjoni tal-manifatturi tal-plastiks, European Schoolnet nediet il-websajt "L-Enerġija hija l-Futur tagħna". Il-websajt għandha l-għan li tqajjem għarfien fost l-istudenti fl-Ewropa kollha bejn il-11 u t-18-il sena dwar l-importanza ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Permezz ta’ attivitajiet online u kompetizzjoni, l-istudenti se jitgħallmu b’mod interattiv dwar kwestjonijiet marbuta mal-konsum ta’ l-enerġija u l-iffrankar ta’ l-enerġija.

Il-proġett "L-Enerġija hija l-Futur tagħna" jfittex li jsaħħaħ u jappoġġja l-edukazzjoni dwar l-enerġija matul il-kurrikulu fl-iskejjel fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-Pajjiżi Kandidati u EFTA. L-għan huwa li studenti jiltaqgħu biex jispiraw imġiba effiċjenti fl-enerġija lis-soċjetà aktar wiesgħa. Il-websajt tal-proġett toffri riżorsi għall-għalliema u l-istudenti, attivitajiet ibbażati fuq il-Web u kompetizzjoni.

Minbarra l-kompetizzjoni, l-attivitajiet ibbażati fuq il-Web jinkludu "L-Istorja Tiegħi dwar l-Enerġija" li tistieden lill-istudenti biex jikkontribwixxu bi stejjer individwali jew kollettivi dwar l-iffrankar ta’ l-enerġija, u chats ta’ kull xahar ma’ rappreżentanti għolja mid-dinja tal-politika u n-negozju dwar suġġetti marbuta ma’ l-enerġija.

L-ewwel chat fit-30 ta’ Novembru, se tkun immexxija minn Dr. Stauber, Kap tad-Dipartiment għall-Istabbiltà Operattiva u Materjali ta’ BMW. Hugo Verlomme, il-ġurnalista Franċiż, futurologu u awtur ta’ aktar minn għoxrin ktieb, aċċetta wkoll li jiċċettja ma’ l-istudenti f’April 2007.

Ir-riżorsi għall-għalliema u l-istudenti u l-attivitajiet online huma maħsuba biex jgħinu lill-istudenti jippreparaw parteċipazzjonijiet għall-kompetizzjoni li jirrappreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija u/jew soluzzjonijiet għal enerġija sostenibbli. Parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni trid tinkludi poster, slogan u test li jiddeskrivi l-messaġġ li l-istudenti jridu jwasslu. Ir-rebbieħa se jiġu mistiedna Brussell biex jattendu ċ-ċerimonja ta’ l-għoti ta’ premjijiet f’Ġunju 2007.

Il-materjali u l-prodotti tal-plastiks għandhom rwol importatni fl-effiċjenza ta’ l-enerġija permezz ta’ l-użu tagħhom fl-insulazzjoni, it-trasport u l-ippakkjar fejn l-effiċjenza u l-piż ħafif tagħhom jikkontribwixxu mhux ftit għall-iffrankar ta’ l-enerġija. Il-proġett "L-Enerġija hija l-Futur tagħna" għalhekk huwa organizzat bi sħubija ma’ PlasticsEurope, l-assoċjazzjoni tal-manifatturi tal-plastiks Ewropej, assoċjat uffiċjali tal-kampanja Enerġija Sostenibbli fl-Ewropa biex jitqajjem għarfien u jinbidel il-mod kif inħarsu lejn l-enerġija.

European Schoolnet (EUN) hija sħubija internazzjonali ta’ 28 ministeru ta’ l-edukazzjoni fl-Ewropa, li tipprovdi portali ewlenin Ewropej għat-tagħlim u l-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel. European Schoolnet tiżviluppa wkoll tagħrif dwar l-użu edukattiv ta’ l-ICT (it-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni) fl-Ewropa, għal dawk li jfasslu l-politiki u l-professjonisti ta’ l-edukazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar “L-Enerġija hija l-Futur tagħna”, jekk jogħġbok żur il-websajt: www.futurenergia.net.
Għal aktar mistoqsijiet dwar il-proġett, ikkuntattja lil Petru Dumitru f’dan l-indirizz elettroniku: futurenergia@eun.org

Għal aktar informazzjoni dwar PlasticsEurope, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: Hanane Taidi f’dan l-indirizz elettroniku: hanane.taidi@plasticseurope.org