|
Introduzzjoni
Il-gwida m’għandhiex l-għan li titqabbel mal-ħtiġijiet ta’ xi kurrikulu partikolari, imma li taqbel ma’ kwalunkwe kurrikulu fl-Ewropa. Sett ta’ riżorsi online għall-għalliema u l-istudenti jikkomplementa din il-gwida sabiex jgħin lill-għalliema jfasslu l-proġett skond il-kurrikulu tagħhom.
Aħna nħeġġu lill-għalliema ta’ suġġetti skolastiċi differenti biex jinvolvu lill-klassijiet tagħhom fl-attivitajiet u l-kompetizzjoni tagħna. Il-klassijiet jista’ jkollhom jew għalliem/a mexxej/ja wieħed/waħda jew tim mexxej ta’ għalliema, magħmul minn għalliema ta’ suġġetti differenti sabiex jgħallmu dwar l-enerġija rinnovabbli matul il-kurrikulu kollu. It-timijiet jistgħu jinvolvu għalliema ta’ xjenzi, lingwi, xjenzi soċjali, arti, u ICT. Il-metodu li jolqot diversi aspetti tal-kurrikulu huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-istudenti jorbtu temi dwar l-enerġija rinnovabbli mal-ħajja reali u jikkontribwixxu għall-attività bbażata fuq il-Web u l-kompetizzjoni.
Informazzjoni ta’ sfond
1. Effiċjenza fl-enerġija
Permezz tar-ratifika tal-protokoll ta’ Kyoto u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija ta’ l-UE, l-Unjoni Ewropea hija impenjata biex tnaqqas drastikament kemm il-konsum tagħha ta’ enerġija u kemm l-emissjonijiet tagħha ta’ CO2. Mira ewlenija hija li jitnaqqas il-konsum ta’ l-enerġija b’20% sas-sena 2020. Sabiex jitwettaq dan il-potenzjal għall-effiċjenza fl-enerġija, l-Ewropa teħtieġ li tirdoppja u aktar il-kisbiet kurrenti tagħha. Il-qafas politiku jeħtieġ li jkun imfassal skond dan il-pjan u x-xejriet fl-imġiba tas-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jinbidlu, sabiex aħna nużaw l-enerġija bl-iktar mod effiċjenti.
Xi eżempji ta’ effiċjenza fl-enerġija huma mniżżla hawn taħt:
- Insulazzjoni mtejjba fid-djar biex jitnaqqas it-telf ta’ sħana
- Prodotti ħfief fil-piż li jnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ CO2 matul it-trasport
- Prodotti li huma effiċjenti fl-użu ta’ enerġija per eżempju bozoz tad-dawl li jiffrankaw l-enerġija.
2. Iffrankar ta’ enerġija
Hemm ħafna possibbiltajiet kif wieħed jista’ jbiddel l-imġiba tiegħu biex jikkontribwixxi lejn l-iffrankar ta’ l-enerġija. Xi suġġerimenti huma:
- Issuq aktar bil-mod biex tiffranka l-fjuwil
- Tieħu doċċa flok banju
- Tevita li tħalli apparat domestiku fuq standby
- Timxi flok tuża l-karrozzi għal distanzi qosra
- Titfi d-dawl meta toħroġ minn kamra
- Tuża t-trasport pubbliku.
3. Enerġija rinnovabbli
Enerġija rinnovabbli tfisser dawk is-sorsi kollha ta’ qawwa u enerġija li huma dejjem disponibbli u bla tmiem. Xi eżempji ta’ dawn is-sorsi u kif il-qawwa tagħhom tista’ tinbidel f’enerġija huma mniżżla hawn taħt:
- Enerġija tax-xemx: id-dawl tax-xemx jinħakem minn pannelli solari biex jipproduċi l-enerġija (sħana u elettriku)
- Enerġija tar-riħ: il-qawwa tar-riħ tinbidel f’elettriku permezz ta’ turbini tar-riħ
- Bijo-enerġija: l-enerġija ġġenerata minn proċessi bijoloġiċi (pjanti u materjali derivati mill-pjanti; hija msejjħa wkoll enerġija tal-bijomassa) u kkonvertita minn impjanti ta’ l-enerġija (iddisinjati b’mod speċjali) fi sħana u elettriku
- Idroenerġija: il-qawwa ta’ l-ilma ġieri kkonvertita minn idroturbini f’elettriku
- Enerġija ġeotermali: l-enerġija disponibbli fil-qalba tad-dinja u rkuprata bħala sħana billi per eżempju jiġi injettat ilma kiesaħ.
Hemm bżonn insibu soluzzjonijiet dwar l-enerġija!
L-użu aktar effiċjenti ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija u l-promozzjoni ta’ l-enerġija rinnovabbli għandu vantaġġi sinifikanti f’termini ta’ impatt fuq l-ambjent u l-ekonomija:
- Huwa jgħin it-tnaqqis tat-tisħin globali
- Huwa jagħmilna inqas dipendenti fuq sorsi ta’ enerġija konvenzjonali u fjuwils li ġejjin mill-fossili
- Huwa jiffranka l-flus, billi jġiegħlna nużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti (iktar għal inqas).
Suġġerimenti għal-lezzjoni
It-tagħlim dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jista’ jkollu impatt kbir fuq l-istudenti u effett multiplu fuq il-familji tagħhom u membri oħra tal-komunità lokali. Biex toħroġ riżultat sabiħ (test akkumpanjat mill-viżiv) l-istudenti għandu jkollhom għarfien bażiku dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, azzjonijiet dwar iffrankar ta’ enerġija u enerġija rinnovabbli; jifhmu kif dawn jaffettwaw il-ħajja tagħna u għalhekk kif jistgħu jikkonvertu l-opinjonijiet personali tagħhom f’riżultat.
L-istudenti jistgħu jibdew jiġbru xi informazzjoni ta’ sfond u mbagħad jużaw l-għarfien ġdid tagħhom biex jieħdu pożizzjoni dwar suġġetti relatati jew biex jaqsmu ideat u fatti ma’ sħabhom. L-istudenti għandhom ikunu nkoraġġiti biex jibqgħu miftuħa għal bosta ideat, biex jisimgħu b’mod attiv u pożittiv.
Uħud minn dawn l-ideat jistgħu jintużaw biex iqajjmu r-reazzjonijiet ta’ l-istudenti u mbagħad biex id-diskussjoni tiffoka fuq it-tema tal-lezzjoni:
- Introduċi l-kunċett ta’ enerġija rinnovabbli u ddiskutu azzjonijiet bażiċi biex tiffrankaw l-enerġija fl-iskola u fid-dar
- Iddiskuti jekk dawn is-soluzzjonijiet dwar l-enerġija jgħoddux għall-komunità lokali tagħkom
- Araw kemm huma effiċjenti fl-enerġija id-djar tagħkom, il-karrozzi tal-ġenituri jew tal-ħbieb, il-kompjuter jew prodotti oħra li jużaw l-enerġija
- Identifikaw ineffiċjenzi fl-enerġija fl-iskola tagħkom
- Ifhmu x’jagħmel imġiba effiċjenti fl-enerġija
- Identifikaw riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli potenzjali
- Sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom kemm affarijiet favur u kemm kontra (tħarbit ta’ art jew ambjent). X’taħseb?
- Jista’ l-bniedem jorbot biss fuq soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli?
- It-tweġibiet ta’ l-innovazzjoni teknoloġika għall-problemi ta’ l-enerġija tad-dinja; implikazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u politiċi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum
- X’qed isir biex jiġu żviluppati riżorsi ġodda ta’ enerġija?
Wara li jagħmlu dawn id-diskussjonijiet ta’ tħejjija, l-istudenti jistgħu jibdew jikkontribwixxu fl-attività L-Istorja Tiegħi dwar l-Enerġija u fil-kompetizzjoni l-Enerġija hija l-Futur tagħna. Għal aktar informazzjoni dwar kif tieħu sehem jekk jogħġbok aqra l-linji gwida dwar l-attività u r-regoli tal-kompetizzjoni.
Petru Dumitru
|