|
Tema tal-kompetizzjoni It-tema tal-kompetizzjoni tkopri tliet suġġetti:
- l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija
- l-użu aħjar ta’ materjali u prodotti biex tiġi ffrankata l-enerġija
- soluzzjonijiet dwar enerġija rinnovabbli bħala fattur ewlieni għat-titjib tal-futur
Udjenza tal-kompetizzjoni Studenti ta’ l-iskejjel sekondarji jistgħu jissottomettu xogħol għall-kompetizzjoni, skond l-età tagħhom, kif ġej:
- 12-il sena u inqas
- 13-14-il sena
- 15-16-il sena
- 17-18+
L-istudenti parteċipanti kollha fil-kompetizzjoni jridu jkunu studenti ta’ skejjel sekondarji.
Format għall-parteċipazzjoni Il-parteċipazzjoni tikkonsisti fi tliet elementi: poster, slogan marbut miegħu u test li jiddeskrivi l-poster u l-islogan tiegħu. Il-poster jista’ jkun tpinġija, collage, pittura jew ritratt maqlub f’format diġitali bl-użu ta’ skener jew kamera diġitali. Kemm l-islogan u kemm it-test bid-deskrizzjoni jridu jkunu f’waħda minn dawn il-lingwi: Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż.
Formola ta’ sottomissjoni hija disponibbli għall-parteċipanti kollha biex jibagħtu (itellgħu) l-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-websajt tal-kompetizzjoni.
Eliġibbiltà L-iskejjel u l-organizzazzjonijiet kollha inkarigati minn attivitajiet skolastiċi ekstra-kurrikulari jistgħu jħeġġu lill-istudenti tagħhom biex jissottomettu parteċipazzjonijiet fil-websajt tal-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-iskejjel fi Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Pajjiżi fil-proċess ta’ Adeżjoni, Pajjiżi Kandidati u Pajjiżi EFTA. Aħna nħeġġu lill-għalliema tax-xjenzi, lingwi, xjenzi soċjali, arti u ICT biex jintegraw il-kompetizzjoni fil-pjanijiet ta’ tagħlim tagħhom.
Dawk il-parteċipazzjonijiet biss appoġġati minn skola jew organizzazzjoni inkarigata minn attivitajiet skolastiċi ekstra-kurrikulari se jiġu kkunsidrati, jiġifieri l-parteċipazzjonijiet iridu jirriżultaw minn attività li ssir fil-klassi u li hija monitorjata u assistita minn għalliem/a jew grupp ta’ għalliema.
M’hemmx limitu għan-numru ta’ parteċipazzjonijiet li jistgħu jintbagħtu minn skola.
Data ta’ għeluq tal-kompetizzjoni Id-data ta’ l-għeluq għall-parteċipazzjonijiet hija nofs Marzu 2007. Ġudizzju u premjijiet L-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet se ssir minn grupp ta’ għalliema ta’ xjenzi, lingwi, arti u ICT minn madwar l-Ewropa kollha wara d-data ta’ l-għeluq. In-nominati se jintgħażlu minn lista ta’ l-aħjar 120 parteċipazzjoni fl-erba’ kategoriji. Dawn jiġu ppubblikati fil-15 ta’ April 2007 filwaqt li l-premjijiet tagħhom se jiġu mħabbra waqt iċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-Premjijiet, fi Brussell, maħsuba għall-bidu ta’ Ġunju 2007.
Il-parteċipanti kollha għandhom iżommu l-verżjoni oriġinali tax-xogħol tagħhom. Il-finalisti se jiġu mistiedna jibagħtu x-xogħol oriġinali tagħhom Brussell għal wirja.
L-għalliema se jiġġudikaw il-parteċipazzjonijiet skond tliet kriterji ewlenin:
- Rilevanza mat-tema:l-għażla ta’ suġġett(i) xierqa għat-tema tal-kompetizzjoni (l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija, użu aħjar ta’ materjali biex tiġi ffrankata l-enerġija, u ħarsa lejn soluzzjonijiet dwar enerġija rinnovabbli bħala qofol tad-dinja t’għada); il-kompożizzjoni tal-poster (il-komponent viżiv tal-parteċipazzjonijiet) tista’ toħloq bilanċ bejn l-elementi artistiċi u xjentifiċi.
- Estetika: li jitwaħħdu tekniki u metodi artistiċi rilevanti biex jiġi ddisinjat xogħol artistiku attraenti, sabiex jitwassal messaġġ li jkun imsebbaħ kemm bl-islogan u kemm bit-test ta’ deskrizzjoni.
- Oriġinalità: il-parteċipazzjoni għandha tkun biċċa xogħol innovattiva.
Id-deċiżjoni ta’ l-aġġudikanti hija finali, u l-ebda diskussjoni m’hi se tinħoloq dwar id-deċiżjoni tagħhom. European Schoolnet u PlasticsEurope jirriżervaw id-dritt li jadattaw ir-regoli u l-premjijiet fi kwalunkwe ħin. Kull notifika dwar bidliet possibbli jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-kompetizzjoni u jibdew japplikaw mid-data ta’ pubblikazzjoni.
Il-parteċipanti kollha jridu jikkonformaw mal-liġijiet Ewropej dwar id-drittijiet ta’ l-awtur. Il-parteċipazzjonijiet ma jistgħux jinkludu dikjarazzjonijiet, fatti, informazzjoni jew kwotazzjoni li jistgħu jiddenigraw jew iweġġgħu persuna jew grupp ta’ persuni.
Il-parteċipazzjonijiet ma jistgħux ikollhom dikjarazzjonijiet, fatti, informazzjoni jew kwotazzjonijiet li jistgħu jinkoraġġixxu l-persekuzzjoni ta’ persuni fuq bażi ta’ razza, opinjoni, nazzjonalità, sess, professjoni jew persważjoni oħra, u lanqas ma jistgħu l-parteċipazzjonijiet jinkoraġġixxu l-kriminalità jew il-ksur tal-liġi. Skwalifika ta’ parteċipazzjonijiet European Schoolnet jew PlasticsEurope jistgħu jiddeċiedu li jiskwalifikaw parteċipazzjoni jekk ma jkunx ġie sottomess fil-ħin, parzjalment jew kollu; jew jekk il-parteċipazzjoni tikser xi waħda mir-regoli taħt “Kwestjonijiet legali u etiċi”.
Drittijiet ta’ riproduzzjoni Il-parteċipazzjonijiet kollha huma propjetà ta’ PlasticsEurope u European Schoolnet. Iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom id-dritt li jtejjbu, jeditjaw, jespandu, jimmodifikaw u jirriproduċu l-parteċipazzjonijiet mid-data ta’ sottomissjoni.
Informazzjoni ġenerali Il-kompetizzjoni hija mmexxija minn European Schoolnet f'isem PlasticsEurope. Mistoqsijiet dwar il-kompetizzjoni jistgħu jiġu indirizzati lil Petru Dumitru f’dan l-indirizz ta’ l-email: futurenergia@eun.org
|