|
Madankollu l-pressjoni fuq il-provvisti tagħna ta’ żejt qed tiżdied il-ħin kollu. It-talba għaż-żejt se tibqa’ tikber f’dawn l-20 sena li ġejjin. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li sa l-2030, is-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea jkollhom jimpurtaw 93% taż-żejt li jkollhom bżonn. Barra dan, jidher probabbli li s-sorsi eżistenti ta’ żejt mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ din it-talba li qed dejjem tikber. Iż-żejt se jibqa’ jkun sors ta’ enerġija importanti ħafna fis-snin li ġejjin, imma huwa ċar ukoll li jeħtieġ li aħna niżviluppaw teknoloġiji u sorsi ta’ enerġija li jippermettulna nagħmlu l-aktar użu effiċjenti possibbli taż-żejt.
Il-plastiks huma mod wieħed kif nistgħu nagħmlu l-aħjar użu miż-żejt li għandna. Dan għandu mnejn jinstema’ kontradittorju għall-ewwel – jekk il-plastiks huma magħmula miż-żejt, kif jistgħu jgħinu fl-iffrankar taż-żejt? Il-fatt hu li l-plastiks jiffrankaw ħafna enerġija – sew jekk fl-ippakkjar, karrozzi ta’ piż ħafif, jew insulazzjoni għall-bini – tant li “jpattu” bil-wisq għaż-żejt meħtieġ biex huma jistgħu jsiru. Barra minn hekk, iż-żejt meħtieġ biex isiru l-plastiks huwa ftit – huwa biss 4% tal-provvista dinjija taż-żejt li jinbidel fi plastiks.
Sorsi ta’ enerġija rinnovabbli se jkunu wkoll importanti ħafna biex jgħinuna nagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-provvisti tagħna ta’ żejt. L-UE ffissat mira li jkollha 20% ta’ l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli sa l-2020, dan ifisser li l-gvernijiet se jkunu qed ifittxu modi kif iżidu l-użu ta’ teknoloġiji bħalma huma l-enerġija mir-riħ, mewġ jew xemx.
Minħabba li l-plastiks bażikament huma żejt solidu, dawn jistgħu wkoll jintużaw bħala sors ta’ enerġija fl-aħħar tal-ħajja utli tagħhom. Ħafna pajjiżi jiġġeneraw enerġija mill-plastiks skart li ma jkunux jistgħu jirriċiklaw u b’hekk jgħinu biex jiġi ffrankat aktar żejt.
|