|
Ir-rimi ta’ skart fundamentalment huwa problema ta’ mġiba irresponsabbli, li għandha tiġi ffaċċjata billi tinbidel l-attitudni tan-nies aktar milli jinbidlu l-prodotti li huma qed jarmu. Il-prodotti bijodegradabbli jistgħu fil-fatt iżidu l-problema ta’ l-iskart, għaliex in-nies jaħsbu li xejn ma jimporta jekk jarmu riżorsi prezzjużi bħalma huma l-plastiks. Per eżempju, basket tal-plastiks bijodegradabbli li jintefa’ fil-ħaxix xorta se jieħu snin biex jisparixxi, u mhux ġranet kif ħafna jaħsbu. Anke qoxra ta’ banana – meta tintrema – teħtieġ minn sena sa 3 snin qabel ma ssir bijodegradata!
Barra minn hekk, il-plastiks bijodegradabbli jeħtieġu kundizzjonijiet speċifiċi biex jibbijodegradaw kif suppost (mikro-organiżmi, temperatura, u umdità), u jekk ma jkunux immaniġġjati kif suppost jistgħu jkunu ta’ ħsara aktar għall-ambjent minn plastiks konvenzjonali. Meta plastiks bijodegradabbli jintefgħu f’landfill (u dan għandu dejjem jiġi evitat fi kwalunkwe każ) huma jipproduċu gassijiet b’effett serra meta jkunu qed jinqasmu.
X’inhuma l-plastiks bijodegradabbli? Il-plastiks bijodegradabbli huma plastiks li jistgħu jitkissru minn mikro-organiżmu (bacteria jew fungi) f’ilma, dijossidu tal-karbonju (CO2) u xi bijo-materjal. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-plastiks bijodegradabbli m’humiex neċessarjament magħmula minn bijo-materjal (jiġifieri minn pjanti). Bosta plastiks bijodegradabbli huma magħmula miż-żejt bl-istess mod tal-plastiks konvenzjonali.
Allura għal xiex huma tajbin il-plastiks konvenzjonali? Fil-prinċipju il-plastiks għandhom valur għaliex jagħmlu l-prodotti b’saħħithom u jservu (per eżempju fil-ħażna ta’ l-ikel, trasport, bini u kostruzzjoni). Il-bijodegradabbiltà għalhekk għandha titqies bħala funzjonalità oħra meta l-applikazzjoni titlob mod irħis biex jintrema l-oġġett wara li jkun temm ix-xogħol tiegħu (per eżempju għall-ippakkjar, biex tipproteġi l-ikel u żżommu frisk). Eżempji ta’ prodotti bijodegradabbli utli huma:
- Ippakkjar ta’ ikel – ippakkjar li jistgħa jsir kompost flimkien mal-kontenut tiegħu meta l-prodott jiskadi jew jeħżien
- Agrikoltura – kisi tal-plastik li jista’ jinħarat f’tiben biex iħares iż-żerriegħa
- Mediċi – punti li jiġu assorbiti mill-ġisem; mikro-apparati li jkollhom il-mediċina, li jinkisru fil-ġisem
Il-bijodegradabbiltà hija propjetà materjali li tiddependi ħafna fuq iċ-ċirkustanzi ta’ l-ambjent bijoloġiku (il-ġisem uman huwa ħafna differenti mill-ħamrija). Jekk dan huwa l-każ, nistgħu ngħidu li billi prodott bħal basket tal-plastik ikun jista’ jsir kompost ma tantx jagħmel sens għaliex din il-bijodegradabbiltà mhux se ssolvi l-kwestjoni ta’ l-iskart (kondizzjonijiet differenti fil-kompost u fil-ħamrija).
Biex nikkonkludu, huwa żball li niffokaw fuq kif insibu modi biex nagħmlu l-prodotti aktar faċli li jintremew f’isem il-ħarsien ta’ l-ambjent. Il-plastiks bijodegradabbli huma materjali interessanti u utli, imma dawn għandhom jintużaw biss meta jkollhom benefiċċju konkret għal prodott speċifiku. L-aħjar mod biex ngħinu ħalli nsalvaw il-pjaneta huwa li niffrankaw l-enerġija u ntejjbu l-metodi tar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-plastiks kollha.
Link relatata:
Chat 6: “Sorsi ta’ enerġija futura” jew “Il-gwerra tal-basket tal-plastik”
|