CZ | DA | DE | EL | EN | ES | ET | FI | FR | HU | IT | LT | LV | MT | NL | PL | PT | SK | SL | SV    
TAGĦRIF | ENERĠIJA | AĦBARIJIET | CHATS | ATTIVITÀ | KOMPETIZZJONI |
L-ewwel paġna » tagħrif » dwar

Dwar "L-Enerġija hija l-Futur tagħna"


Il-proġett “L-Enerġija hija l-futur tagħna” huwa maħsub biex isaħħaħ u jappoġġja l-edukazzjoni dwar l-enerġija fil-kurrikulum fl-iskejjel. Dan jgħin lill-għalliema biex ikabbru l-għarfien fl-istudenti tagħhom dwar kif jiffrankaw l-enerġija, xi jfisser il-konsum ta’ l-enerġija, u l-importanza ta’ l-enerġija rinnovabbli. Il-proġett jimmira wkoll li jispira lill-istudenti sabiex jinfluwenzaw l-imġibiet fl-ambjent l-aktar qrib tagħhom, bħalma huma l-familji u l-komunitajiet lokali.

Kuntest Dinji 
Il-konsum ta’ l-enerġija huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkawża l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra -- u, għalhekk, iwassal għal bidla fil-klima. Minħabba li r-riżorsi dinjin ta’ fjuwils li ġejjin mill-fossili huma limitati u d-domanda tagħna għall-enerġija qed tiżdied, is-soluzzjonijiet ewlenin biex jitnaqqsu l-effetti tal-bidla fil-klima huma li nnaqqsu l-konsum ta’ l-enerġija u li ninvestu f’enerġija rinnovabbli. L-enerġija rinnovabbli tinħoloq billi tinħakem il-qawwa ta’ l-ilma (ilma ġieri, mewġ), tax-xemx, tar-riħ, tas-sħana interna tal-pjaneta (geothermal heat flow) jew l-enerġija ġġenerata minn proċessi bijoloġiċi (bijoenerġija), u t-trasferiment tagħha f’forma ta’ enerġija li tista’ tintuża.

Udjenza
Il-proġett “L-Enerġija hija l-futur tagħna” huwa maħsub għal studenti u għalliema tax-xjenzi, lingwi, arti, xjenzi soċjali u ICT (Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni), fi klassijiet sekondarji u fi klassijiet sekondarji ogħla (11-18).

Għan tal-proġett
It-temi ewlenin ta’ dan il-proġett huma l-użu effiċjenti ta’ l-enerġija, il-konsum u l-iffrankar ta’ l-enerġija, u soluzzjonijiet dwar enerġija rinnovabbli. It-temi huma mfassla biex iwasslu tliet messaġġi ewlenin permezz ta’ informazzjoni speċifika u ta’ attivitajiet online:

  • L-enerġija rinnovabbli hija waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin għall-bżonnijiet ta’ enerġija ta’ għada.
  • Id-disinn u l-materjali jinfluwenzaw il-konsum ta’ l-enerġija; tintuża inqas enerġija matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott meta materjali moderni jagħmlu parti mid-disinn.

Il-proġett joffri informazzjoni (għażla ta’ riżorsi għall-għalliema u għal min qed jitgħallem), għodod online (sett ta’ attivitajiet ibbażati fuq il-Web) u kompetizzjoni.

  • Riżorsi magħżula għal min jgħallem u min qed jitgħallem
    Din is-sezzjoni fiha artikli u links għal siti tal-web li jittrattaw temi dwar l-enerġija. Kemm l-artikli u kemm il-links għandhom jgħinu lill-għalliema jfasslu u jorganizzaw lezzjonijiet dwar il-konsum ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija, u soluzzjonijiet dwar enerġija rinnovabbli.
  • Attivitajiet ibbażati fuq il-Web
    Il-proġett jipprovdi żewġ setts ta' attivitajiet. L-ewwel sett jinkludi chats online , li jlaqqgħu flimkien esperti u klassijiet minn postijiet differenti biex jiddiskutu suġġetti dwar l-enerġija. It-tieni sett huwa msejjaħ “Nikteb l-istorja tiegħi dwar l-enerġija” My Energy Train Story, u hija attività li ssir fil-klassi bbażata fuq il-Web, li tinkoraġġixxi lill-istudenti mill-iskejjel sekondarji biex jiktbu storja flimkien. L-istorja fiha ideat konkreti dwar imġibiet li qed jinbidlu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iffrankar ta’ l-enerġija.
  • Kompetizzjoni
    Studenti ta’ l-iskejjel sekondarji minn 11 sa 18-il sena huma mistiedna jikkontribwixxu b’xogħol li jirrappreżenta l-opinjoni tagħhom dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija u/jew soluzzjonijiet dwar enerġija rinnovabbli. Ix-xogħol għandu jikkonsisti f’poster, slogan, u deskrizzjoni (ara l-linji gwida tal-kompetizzjoni). Ir-rebbieħa jiġu mistiedna fi Brussell biex ikunu preżenti għal ċerimonja għall-għoti tal-premjijiet, li hija maħsuba li ssir fil-bidu ta’ Ġunju 2007.

    Informazzjoni ġenerali
    Il-proġett “L-Enerġija hija l-Futur tagħna” huwa mmexxi minn European Schoolnet f'isem PlasticsEurope. Għal kull mistoqsija dwar il-proġett, l-attivitajiet u l-kompetizzjoni marbuta miegħu ibgħat email lil Petru Dumitru f’dan l-indirizz elettroniku: futurenergia@eun.org